EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0411

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali fl-Isle of Man (notifikata taħt id-dokument numru C(2004) 1556)Test b'relevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 151, 30.4.2004, p. 48–51 (EN)
ĠU L 151, 30.4.2004, p. 52–55 (ES, EL, FI)
ĠU L 151, 30.4.2004, p. 51–54 (DE, FR, PT)
ĠU L 151, 30.4.2004, p. 50–53 (IT, NL)
ĠU L 151, 30.4.2004, p. 49–52 (DA, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/12/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/411/oj

32004D0411



Official Journal L 151 , 30/04/2004 P. 0051 - 0054


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-28 ta' April 2004

dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali fl-Isle of Man

(notifikata taħt id-dokument numru C(2004) 1556)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2004/411/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-iproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' data bħal din [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Parti Ħaddiema dwar il-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward ta' proċessar ta' Data Personali [2],

Billi:

(1) Bi qbil mad-Direttiva 95/46/KE, Stati Membri huma meħtieġa illi jipprovdu li t-trasferiment ta' data personali lil pajjiż terz jista' jseħħ biss jekk il-pajjiż terz in kwestjoni jiżgura livell adegwat ta' protezzjoni u jekk ikun hemm konformità, qabel it-trasferiment, mal-liġijiet ta' l-Istat Membru li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva.

(2) Il-Kummissjoni tista' ssib illi pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta' protezzjoni. F'dak il-każ, data personali tista' tiġi ttrasferita minn Stati Membri mingħajr ma jkunu meħtieġa garanziji addizzjonali.

(3) Bi qbil mad-Direttiva 95/46/KE il-livell ta' protezzjoni tad-data għandu jkun stmat fid-dawl taċ-cirkostanzi kollha li għandhom x'jaqsmu ma' operazzjoni ta' trasferiment tad-data, u li jagħti konsiderazzjoni partikolari lejn numru ta' elementi relevanti għat-trasferiment u elenkati fl-Artikolu 25(2) tiegħu.

(4) Minħabba l-indirizzi differenti lejn il-protezzjoni tad-data f'pajjiżi terzi, għandha ssir stima ta' l-adegwatezza, u kwalunkwe deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE għandha ssir u tiġi nfurzata b'mod li ma tiddiskriminax b'mod arbitrarju jew b'mod inġust kontra jew bejn pajjiżi terzi fejn hemm kondizzjonijiet simili, u lanqas tikkostitwixxi barriera moħbija għan-negozju, wara li jkunu kkonsidrati l-impennji internazzjonali preżenti tal-Komunità.

(5) L-Isle of Man hija waħda mid-dipendenzi tal-Kuruna Brittanika (filwaqt li la hija parti mir-Renju Unit u lanqas kolonja) li tgawdi indipendenza totali għajr għar-relazzjonijiet internazzjonali u għad-difiża li huma r-responsabbilità tal-Gvern tar-Renju Unit. L-Isle of Man għandha għalhekk tkun ikkonsidrata bħala pajjiż terz fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva.

(6) Fuq talba tal-gżira, b'effett minn Mejju 1993, ir-ratifika tar-Renju Unit tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' Proċessar Awtomatiku ta' Data Personali (Konvenzjoni Nru 108) ġiet estiża għall-Isle of Man.

(7) Fir-Rigward ta' l-Isle of Man, l-istandards legali dwar il-protezzjoni ta' data personali ibbażati fuq standards stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE hemm provdut għalihom fl-Att tal-Protezzjoni tad-Data ta' l-2002 (l-Att), li daħal fis-seħħ nhar l-1 ta' April 2003. Dan l-Att jirrevoka u jieħu post l-Att tal-Protezzjoni tad-DAta ta' l-1986 (l-Att ta' l-1986).

(8) Liġijiet oħrajn li jħallu jew jistgħu iħallu impatt fuq il-protezzjoni tad-data jinkludu l-Att dwar id-Drittijiet Umani ta' l-2001, li għadda mill-Parlament nhar is-16 ta' Jannar ta' l-2001 u għandu mhux fis-seħħ kollu u l-Att dwar l-Aċċess għar-Rekords u r-Rapporti tas-Saħħa ta' l-1993.

(9) L-istandards legali applikabbli fl-Isle of Man ikopru l-prinċipji bażiċi kollha meħtieġa għal livell adegwat ta' protezzjoni għal persuni naturali. L-applikazzjoni ta' dawn l-istandards hija ggarantita b'rimedju ġudizzjarju u minn superviżjoni indipendenti magħmula mill-awtoritajiet, bħall-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data li huwa mogħti setgħat ta' investigazzjoni u intervent.

(10) L-Isle of Man għandha għalhekk tkun meqjusa bħala li tipprovdi livell adegwat ta' protezzjoni tad-data personali kif hemm referenza għaliha fid-Direttiva 95/46/KE.

(11) Fl-interess tat-trasparenza u sabiex tiġi ssalvagwardjata l-abilità ta' l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri illi jiżguraw il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' pproċessar tad-data personali tagħhom, huwa meħtieġ illi jkunu speċifikati ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li fihom is-sospensjoni ta' flussi ta' data speċifika tista' tkun iġġustifikata, minkejja s-sejba ta' protezzjoni adegwata.

(12) Il-miżuri li għalihom hemm provdut f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-għanijiet ta' l-Artikolu 25(2)tad-Direttiva 95/46/KE, l-Isle of Man hija kkonsidrata bħala li tipprovdi livell adegwat ta' protezzjoni tad-data personali trasferit mill-Komunità.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna kemm hija adegwata l-protezzjoni pprovduta fl-Isle of Man bil-ħsieb illi tissodisfa l-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE u ma taffettwax kondizzjonijiet jew restrizzjonijiet oħra li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħra f'dik id-Direttiva li għandhom x'jaqsmu ma' l-ipproċessar ta' data personali fi ħdan l-Istati Membri.

Artikolu 3

1. Mingħajr preġudizzju kontra l-poteri tagħhom illi jiżguraw il-konformità ma' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bi qbil mad-dispożizzjonijiet għajr l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-poteri tagħhom illi jissospendu trasferiment ta' data lil reċipjent fl-Isle of Man sabiex jipproteġu individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali fil-każijiet li ġejjin:

(a) meta awtorità kompetenti ta' l-Isle of Man iddeterminat illi r-reċipjent qiegħed jikser l-istandards applikabbli ta' protezzjoni; jew

(b) fejn hemm ċans kbir illi l-istandards ta' protezzjoni qegħdin jinkisru, hemm raġunijiet raġjonevoli illi jwasslu għall-ħsieb illi l-awtorità kompetenti ta' l-Isle of Man mhijiex tieħu jew mhijiex se tieħu passi adegwati u f'waqthom sabiex issolvi l-każ in kwestjoni, it-tkomplija tat-trasferiment toħloq riskju imminenti ta' ħsara gravi għas-suġġetti tad-data u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għamlu sforzi raġjonevoli fiċ-ċirkostanzi illi jiprovdu l-parti responsabbli għall-ipproċessar stabbilit fl-Isle of Man b'avviż u b'opportunità illi jirrispondi.

2. Is-sospensjoni għandha tieqaf malli l-istandards ta' protezzjoni jkunu żgurati u tiġi nnotifikata b'dan l-awtorità kompetenti ta' l-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 4

1. Stati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien meta l-miżuri jiġu adottati fuq il-bażi ta' l-Artikolu 3.

2. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar każijiet fejn l-azzjoni ta' korpi responsabbli li jiżguraw il-konformità ma' l-istandards ta' protezzjoni fl-Isle of Man jonqsu li jiżguraw konformità bħal din.

3. Jekk l-informazzjoni miġbura taħt l-Artikolu 3 u taħt il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu turi evidenza illi kwalunkwe korp responsabbli illi jiżgura l-konformità ma' l-istandards ta' protezzjoni fl-Isle of Man ma jkunx qiegħed jissoisfa r-rwol tiegħu b'mod effettiv, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta' l-Isle of Man u, jekk meħtieġ, tippreżenta miżuri abbozz bi qbil mal-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE bil-ħsieb illi tirrevoka jew tissospendi din id-Deċiżjoni jew tillimita l-iskop tagħha.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tikkontrolla t-tħaddim ta' din id-Deċiżjoni u tirraporta sejbiet relevanti lill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE, inkluża kwalunkwe evidenza li tista' tħalli effett fuq is-sejba fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni li l-protezzjoni fl-Isle of Man hija adegwata fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE u kwalunkwe evidenza illi din id-Deċiżjoni qegħda tiġi implimentata b'mod diskriminatorju.

Artikolu 6

Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni fi żmien erba' xhur mid-data ta' din in-notifika.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, nhar it-28 ta' April 2004.

Għall-Kummissjoni

Frederik Bolkestein

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31; Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p.1).

[2] Opinjoni Nru 6/2003 dwar il-livell ta' protezzjoni ta' data personali fl-Isle of Man, addottata mill Parti ta' Tħaddim nhar il-21 ta' Novembru 2003, disponibbli fuq http://europa.eu.int/comm/internal_market/privacy/workingroup/wp2003/wpdocs03_en.htm

--------------------------------------------------

Top