European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1363

17.5.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1363

tat-12 ta’ Marzu 2024

li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex il-Bhutan jitneħħa mil-lista ta’ pajjiżi benefiċjarji tal-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, jenħtieġ li pajjiż li huwa identifikat min-Nazzjonijiet Uniti (“NU”) bħala pajjiż l-anqas żviluppat jibbenefika mill-preferenzi tariffarji pprovduti taħt l-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati “Kollox Minbarra Armi” (KMA).

(2)

Il-lista ta’ pajjiżi benefiċjarji tal-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 hija stabbilita fl-Anness IV tar-Regolament. L-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistabbilixxi li l-Anness IV għandu jiġi rieżaminat kontinwament sabiex jirrifletti l-bidliet fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(1). Barra minn hekk, l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistabbilixxi perjodu tranżitorju ta’ 3 snin għat-tneħħija ta’ pajjiż mil-lista ta’ pajjiżi benefiċjarji tal-KMA.

(3)

Il-Bhutan iggradwa mill-kategorija tal-pajjiżi l-anqas żviluppati tan-NU fit-13 ta’ Diċembru 2023. Għaldaqstant, il-Bhutan ma għadux jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju tal-KMA skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 u jenħtieġ li jitneħħa mill-Anness IV ta’ dak ir-Regolament. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, it-tneħħija tal-Bhutan mil-lista tal-pajjiżi benefiċjarji tal-KMA għandha tapplika wara perjodu tranżitorju ta’ 3 snin mid-data li fiha l-att delegat tal-Kummissjoni li jemenda L-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jidħol fis-seħħ. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Bhutan jitneħħa mill-Anness IV b’effett mill-1 ta’ Jannar 2028.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jiġi emendat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda fir-Regolament (UE) Nru 978/2012

Fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, il-kodiċi alfabetiku u l-pajjiż korrispondenti li ġejjin jitneħħew mill-kolonni A u B, rispettivament:

“BT

Bhutan”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2028.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/978/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1363/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)