1.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/39


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-31 ta’ Jannar 2011

skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-dejta personali mill-Istat tal-Iżrael fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data personali

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 332)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/61/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, (1) u b’ mod partikolari l-Artikolu 25 (6) tagħha,

Wara konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri huma mitlubin jipprovdu li t-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiż terz isir biss jekk il-pajjiż terz ikkonċernat jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni u jekk ikun hemm konformità mal-liġijiet tal-Istati Membri li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva qabel ma jsir it-trasferiment.

(2)

Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni. F’dak il-każ, tista’ tiġi trasferita dejta personali mill-Istati Membri mingħajr ma jkunu meħtiġin garanziji addizzjonali.

(3)

Skont id-Direttiva 95/46/KE l-livell ta’ protezzjoni tad-dejta għandu jkun evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkonċernaw operazzjoni ta’ trasferiment ta’ dejta jew sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ dejta filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għal ċerti elementi importanti għat-trasferiment u elenkati fl-Artikolu 25 tagħha.

(4)

Minħabba d-diversi metodi li pajjiżi terzi jużaw fir-rigward tat-trasferiment tad-dejta, l-evalwazzjoni tal-adegwatezza għandha titwettaq, u kwalunkwe deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE għandha ssir u tkun infurzata, b’mod li ma tinħoloqx diskriminazzjoni arbitrarja jew mingħajr ġustifikazzjoni kontra jew bejn pajjiżi terzi li fihom ikun hemm kundizzjonijiet simili, u lanqas ma sservi ta’ ostaklu moħbi għall-kummerċ, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni għall-impenji internazzjonali preżenti tal-Unjoni.

(5)

Is-sistema legali tal-Istat tal-Iżrael m’għandhiex kostituzzjoni miktuba iżda ngħata stejtus kostituzzjonali lil ċerti “Liġijiet Bażiċi” mill-Qorti Suprema tal-Istat tal-Iżrael. Dawk il-“Liġijiet Bażiċi” huma kkumplimentati minn kwantità vasta ta’ każistika, minħabba li s-sistema legali Iżraeljana timxi ħafna skont il-prinċipji tal-liġi komuni. Il-jedd għall-privatezza huwa inkluż fil-“Liġi Bażika: Id-Dinjità tal-Bniedem u l-Libertà” taħt it-taqsima 7.

(6)

L-istandards legali għall-protezzjoni tad-dejta personali fl-Istat tal-Iżrael huma fil-biċċa l-kbira tagħhom imsejsin fuq l-istandards imniżżlin fid-Direttiva 95/46/KE u preskritti fl-Att 5741-1981 dwar il-Protezzjoni tal-Privatezza, li ġie emendat l-aħħar fl-2007 sabiex jiġu stabbiliti rekwiżiti ġodda għall-ipproċessar tad-dejta personali u l-organizzazzjoni ddettaljata tal-awtorità ta’ sorveljanza.

(7)

Dik il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta hija kkumplimentata wkoll b’deċiżjonijiet governattivi dwar it-twettiq tal-Att 5741-1981 dwar il-Protezzjoni tal-Privatezza u dwar l-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-awtorità ta’ sorveljanza, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma msejsin fuq rakkomandazzjonijiet ifformulati fir-Rapport lill-Ministeru tal-Ġustizzja mill-Kumitat għall-Eżami tal-leġiżlazzjoni li għandha x’taqsam mal-Bażijiet tad-Dejta (ir-Rapport Schoffman).

(8)

Hemm ukoll dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta f’numru ta’ strumenti legali li jirregolaw setturi differenti, bħal leġiżlazzjoni fis-settur finanzjarju, regolamenti tas-saħħa u reġistri pubbliċi.

(9)

L-istandards legali tal-protezzjoni tad-dejta applikabbli fl-Istat tal-Iżrael ikopru l-prinċipji bażiċi meħtiġin għal livell adegwat ta’ protezzjoni għall-persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar tad-dejta personali li tinsab f’bażijiet awtomatizzati tad-dejta. Il-Kapitolu 2 tal-Att 5741-1981 dwar il-Protezzjoni tal-Privatezza, li jippreskrivi l-prinċipji għall-ipproċessar tad-dejta personali, ma japplikax għall-ipproċessar ta’ dejta personali f’bażijiet mhux awtomatizzati tad-dejta (bażijiet manwali tad-dejta).

(10)

L-applikazzjoni tal-istandards legali tal-protezzjoni tad-dejta hija ggarantita permezz ta’ rimedji amministrattivi u ġudizzjarji u ta’ superviżjoni indipendenti mwettqa mill-awtorita ta’ sorveljanza, l-Awtorità Iżraeljana dwar il-Liġi, it-Tagħrif u t-Teknoloġija (l-ILITA), li hija mogħnija bis-setgħat li tinvestiga u tintervjeni, u li taġixxi b’mod għal kollox indipendenti.

(11)

L-awtoritajiet Iżraeljani tal-protezzjoni tad-dejta pprovdew spjegazzjonijiet u garanziji dwar kif għandha tiġi interpretata l-liġi Iżraeljana, u taw garanziji li l-leġiżlazzjoni tal-Iżrael dwar il-protezzjoni tad-dejta hija implimentata f’konformità ma’ tali interpretazzjoni. Din id-Deċiżjoni tieħu inkonsiderazzjoni dawn l-ispjegazzjonijiet u garanziji, u hija għalhekk kondizzjonali fuqhom.

(12)

L-Istat tal-Iżrael għandu għalhekk jitqies bħala li jipprovdi livell biżżejjed ta’ protezzjoni għad-dejta personali kif imsemmi fid-Direttiva 95/46/KE fir-rigward tat-trasferimenti internazzjonali awtomatizzati tad-dejta personali mill-Unjoni Ewropea lejn l-Istat tal-Iżrael jew, fejn dawk it-trasferimenti ma jkunux awtomatizzati, ikunu suġġetti għal ipproċessar awtomatizzat ulterjuri fl-Iżrael. Għall-kuntrarju, it-trasferimenti internazzjonali tad-dejta personali mill-UE lejn l-Istat tal-Iżrael fejn it-trasferiment innifsu kif ukoll l-ipproċessar sussegwenti tad-dejta jsir esklussivament permezz ta’ mezzi mhux awtomatizzati m’għandhomx ikunu koperti minn din id-Deċiżjoni.

(13)

Fl-interess tat-trasparenza u sabiex tiġi mħarsal-abilità tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom, huwa neċessarju li jiġu speċifikati ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali fejn tista’ tkun ġustifikata s-sospensjoni ta’ flussi speċifiċi ta’ dejta, minkejja li jinstab li jkun hemm protezzjoni adegwata.

(14)

Is-sejbiet dwar l-adegwatezza li għandhom x’jaqsmu ma’ din id-Deċiżjoni jirreferu għall-Istat tal-Iżrael, kif iddefinit skont il-liġi internazzjonali. Trasferimenti oħrajn ‘il quddiem lil riċevitur barra mill-Istat tal-Iżrael, kif definit skont il-liġi internazzjonali, għandhom jitqiesu bħala trasferimenti ta’ dejta personali lil pajjiż terz.

(15)

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali, stabbilit skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE, ta opinjoni favorevoli dwar il-livell tal-adegwatezza fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali b’rabta mat-trasferimenti internazzjonali awtomatizzati ta’ dejta personali mill-Unjoni Ewropea jew, fejn ma jkunux awtomatizzati, ikunu suġġetti għal ipproċessar awtomatizzat ulterjuri fl-Istat tal-Iżrael. Fl-opinjoni favorevoli tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma ħeġġeġ lill-awtoritajiet Iżraeljani biex jadottaw aktar dispożizzjonijiet li jestendu l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Iżraeljana għall-bażijiet manwali tad-dejta, li jirrikonoxxu b’mod espliċitu l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità għall-ipproċessar tad-dejta personali fis-settur privat u li jinterpretaw l-eżenzjonijiet fit-trasferimenti internazzjonali tad-dejta skont il-kriterji mniżżlin fid-“Dokument ta’ ħidma dwar interpretazzjoni komuni tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 95/46/KE” tiegħu (2). Din l-opinjoni kienet ġiet meqjusa fit-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni (3).

(16)

Il-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 95/46/KE ma tax opinjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat mill-President tiegħu.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, l-Istat tal-Iżrael huwa meqjus bħala li jipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għad-dejta personali ttrasferita mill-Unjoni Ewropea b’rabta mat-trasferimenti internazzjonali awtomatizzati ta’ dejta personali mill-Unjoni Ewropea jew, fejn ma jkunux awtomatizzati, ikunu suġġetti għal ipproċessar awtomatizzat ulterjuri fl-Istat tal-Iżrael.

2.   L-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti tal-Istat tal-Iżrael għall-applikazzjoni tal-istandards legali tal-protezzjoni tad-dejta hija l-“Awtorità Iżraeljana għal-Liġi, l-Informazzjoni u t-Teknoloġija (Israeli Law, Information and Technology Authority, ILITA)”, li ssir referenza għaliha fl-Anness ta’ ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Din id-Deċiżjoni tirrigwarda biss l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta fl-Istat tal-Iżrael, kif iddefinit skont il-liġi internazzjonali, bil-ħsieb li tissodisfa l-ħtiġiet tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE u ma taffettwax kondizzjonijiet jew restrizzjonijiet oħra li jimplimentaw dispożizzjoniet oħra ta’ dik id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu mal-ipproċessar ta’ dejta personali fl-Istati Membri.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata b’mod konformi mal-liġi internazzjonali. Hija mingħajr ħsara għall-istejtus tal-Artijiet Għoljin tal-Golan, tal-istrixxa ta’ Gaża u tax-Xatt tal-Punent, inkluża Ġersusalemm tal-Lvant, skont it-termini tal-liġi internazzjonali.

Artikolu 3

1.   Mingħajr ħsara għas-setgħat tagħhom li jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dispożizzjonijiet oħrajn oltre l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-poteri eżistenti tagħhom li jissospendu l-flussi ta’ dejta lil riċevitur fl-Istat tal-Iżrael sabiex jiġu protetti l-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom fil-każijiet segwenti:

(a)

Fejn awtorità Iżraeljana kompetenti tkun ikkonkludiet li riċevitur ikun jikser l-istandards applikabbli ta’ protezzjoni; jew

(b)

fejn ikun hemm probabbiltà sostanzjali li l-istandards tal-protezzjoni jkunu qed jinkisru, ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen illi l-awtorità Iżraeljana kompetenti ma tkunx qed tieħu jew ma tkunx se tieħu passi adegwati u fil-ħin sabiex jissolva l-każ inkwistjoni, it-tkomplija tat-trasferiment tkun toħloq riskju imminenti ta’ ħsara kbira lis-suġġetti tad-dejta u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru jkunu għamlu sforzi raġonevoli fiċ-ċirkustanzi biex jipprovdu lill-parti responsabbli mill-ipproċessar stabbilita fl-Istat tal-Iżrael b’avviż u bl-opportunità li twieġeb.

2.   Is-sospensjoni għandha tieqaf hekk kif l-istandards ta’ protezzjoni jkunu assigurati u l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati tkun notifikata b’dan.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr l-ebda dewmien meta jiġu adottati miżuri bbażati fuq l-Artikolu 3.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-każijiet fejn l-azzjoni tal-korpi responsabbli li jiżguraw il-konformità mal-istandards ta’ protezzjoni tal-Istat tal-Iżrael tonqos milli tiżgura din il-konformità.

3.   Jekk l-informazzjoni miġbura taħt l-Artikolu 3 u taħt il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu tipprovdi xhieda li kwalunkwe korp responsabbli li jiżgura konformità mal-istandards tal-protezzjoni fl-Istat tal-Iżrael ma jkunx qed jagħmel xogħlu effettivament, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità Iżraeljana kompetenti u, jekk ikun neċessarju, tippreżenta abbozz ta’ miżuri skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE, bil-għan li tiġi revokata jew sospiża din id-Deċiżjoni, jew li tiġi limitata fil-portata tagħha.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-funzjonament ta’ din id-Deċiżjoni u tirrapporta kwalunkwe sejbiet pertinenti lill-Kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE, inkluża kull evidenza li tista’ taffettwa l-konklużjoni fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, li l-protezzjoni fl-Istat tal-Iżrael hija adegwata skont it-tifsira tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, u kwalunkwe evidenza li din id-Deċiżjoni tkun qed tiġi implimentata b’mod diskriminatorju. B’mod partikulari, għandha tissorvelja l-ipproċessar tad-dejta personali li tinsab f’bażijiet manwali tad-dejta.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtiġin sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni fi żmien 3 xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, il-31 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Viċi-President


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  Dokument WP114 tal-25 ta’ Novembru 2005. Disponibbli f’ http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/docs/wpdocs/2005/wp114_en.pdf

(3)  Opinjoni 6/2009 dwar il-livell ta’ protezzjoni ta’ dejta personali fl-Iżrael. Available at http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/docs/wpdocs/2009/wp165_en.pdf


ANNESS

Awtorità kompetenti ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikolu 1 (2) ta’ din id-Deċiżjoni:

L-Awtorità Iżraeljana għal-Liġi, l-Informazzjoni u t-Teknoloġija

Il-Kampus tal-Gvern

Id-9 sular

125 Triq Begin

Tel Aviv

L-Iżrael

Indirizz postali:

Kaxxa Postali 7360

Tel. Aviv, 61072

Tel. + 972-3-7634050

Faks: + 972-2-6467064

L-indirizz tal-posta elettronika: [email protected]

Sit fuq l-Internet: http://www.justice.gov.il/MOJEng/RashutTech/default.htm