21.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/27


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Ottubru 2010

skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-dejta personali f’Andorra

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 7084)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/625/UE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 25(6) tagħha,

Wara konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu li t-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiż terz isir biss jekk il-pajjiż terz ikkonċernat jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni u kif ukoll jekk ikun hemm konformità mal-liġijiet tal-Istati Membri li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva qabel ma jsir it-trasferiment.

(2)

Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni. F’dak il-każ, tista’ tiġi trasferita dejta personali mill-Istati Membri mingħajr ma jkunu meħtiġin garanziji addizzjonali.

(3)

Skont id-Direttiva 95/46/KE l-livell ta’ protezzjoni tad-dejta għandu jkun evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkonċernaw operazzjoni ta’ trasferiment ta’ dejta jew sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ dejta filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għal ċerti elementi importanti għat-trasferiment u elenkati fl-Artikolu 25 tagħha.

(4)

Minħabba d-diversi approċċi li pajjiżi terzi għandhom fir-rigward tat-trasferiment tad-dejta, l-evalwazzjoni tal-adegwatezza għandha titwettaq, u kwalunkwe deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE għandha ssir u tkun infurzata, b’mod li ma toħloqx diskriminazzjoni arbitrarja jew mingħajr ġustifikazzjoni kontra jew bejn pajjiżi terzi li fihom ikun hemm kundizzjonijiet simili, u lanqas ma sservi ta’ ostaklu moħbi għall-kummerċ, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni għall-impenji internazzjonali preżenti tal-Komunità.

(5)

Andorra huwa Stat b’sistema ta’ Koprinċipalità Parlamentari bil-President tar-Repubblika Franċiża u l-Arċisqof ta’ Urgell bħala Koprinċpijiet.

(6)

Id-dritt għall-privatezza huwa stabbilit fl-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni tal-Prinċipalità ta’ Andorra (Constitució del Principat d’Andorra), kif approvata f’referendum popolari fl-14 ta’ Marzu 1993.

(7)

Ir-regoli legali għall-protezzjoni tad-dejta personali f’Andorra fil-biċċa l-kbira tagħhom huma bbażati fuq l-istandards stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE u li jinstabu fil-Liġi Kwalifikata 15/2003 tat-18 ta’ Diċembru dwar il-protezzjoni tad-dejta personali (Llei qualificada de protecció de dades personals)(LQPDP). Din il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta hija kkumplimentata ulterjorment bid-Digriet tal-1 ta’ Lulju 2004 li jistabbilixxi r-Reġistru Pubbliku għall-Iskrizzjoni tal-Fajls tad-Dejta Personali u bid-Digriet tad-9 ta’ Ġunju 2010 li japprova r-Regolamenti tal-Aġenzija tal-Protezzjoni tad-Dejta ta’ Andorra. Dan l-istrument tal-aħħar jikkjarifika bosta kwistjonijiet imqajma mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali stabbilit skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE fl-Opinjoni tagħha tal-1 ta’ Diċembru 2009 (2).

(8)

Hemm ukoll dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ dejta f’numru ta’ strumenti legali li jirregolaw setturi differenti, bħal leġiżlazzjoni fis-settur finanzjarju, regolamenti tas-saħħa u reġistri pubbliċi.

(9)

Andorra rratifikat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Dejta Personali tat-28 ta’ Jannar 1981, u tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Dejta Personali rigward l-awtoritajiet superviżorji u flussi tad-dejta bejn il-fruntieri tat-8 ta’ Novembru 2001, kif ukoll il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali tal-4 ta’ Novembru 1950, fis-seħħ f’Andorra sa mit-22 ta’ Jannar 1996 u l-Patt dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta’ Diċembru 1966, fis-seħħ f’Andorra sa mid-19 ta’ Lulju 2006

(10)

L-istandards ta’ protezzjoni tad-dejta legali applikabbli f’Andorra jkopru l-prinċipji kollha meħtieġa għal livell adegwat ta’ protezzjoni tal-persuni naturali, kif ukoll jipprovdu għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet sabiex jissalvagwardjaw interessi pubbliċi importanti. L-applikazzjoni ta’ dawn l-istandards ta’ protezzjoni tad-dejta legali hija garantita b’rimedji amministrattivi u ġudizzjarji u b’superviżjoni indipendenti magħmula minn awtorità ta’ superviżjoni, l-Aġenzija tal-Protezzjoni tad-Dejta ta’ Andorra, li għandha s-setgħat li tinvestiga u tintervjeni u li taġixxi b’mod kompletament indipendenti.

(11)

L-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta ta’ Andorra pprovdew spjegazzjonijiet u garanziji dwar kif għandha tiġi interpretata l-liġi ta’ Andorra, u taw garanziji li l-leġiżlazzjoni ta’ Andorra dwar il-protezzjoni tad-dejta huma implimentati f’konformità ma’ tali interpretazzjoni. Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq dawn l-ispjegazzjonijiet u l-garanziji, u hija għalhekk kondizzjonali fuqhom.

(12)

Għalhekk Andorra għandha titqies bħala li tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għal dejta personali kif imsemmi fid-Direttiva 95/46/KE.

(13)

Fl-interess tat-trasparenza u sabiex tiġi mħarsa l-abilità tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom, huwa neċessarju li jiġu speċifikati ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali fejn tista’ tkun ġustifikata s-sospensjoni ta’ flussi speċifiċi ta’ dejta, minkejja li jinstab li jkun hemm protezzjoni adegwata.

(14)

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali stabbilit taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE ta opinjoni favorevoli fuq il-livell ta’ adegwatezza fir-rigward tal-protezzjoni ta’ dejta personali, li ġiet ikkunsidrata fil-preparazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni (3). Fl-opinjoni favorevoli tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma inkoraġġa l-awtoritajiet ta’ Andorra matul il-proċess dejjem għaddej tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ulterjuri li se jestendu l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Andorra għad-deċiżjonijiet individwali awtomatizzati, peress li din fil-preżent mhux espressament rikonoxxuta mil-Liġi Kwalifikata ta’ Andorra dwar il-protezzjoni tad-dejta personali.

(15)

Il-miżuri li tipprovdi għalihom din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 95/46/KE.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-għanijiet tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, Andorra hija meqjusa li tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għal dejta personali trasferita mill-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-adegwatezza ta’ protezzjoni pprovduta f’Andorra bil-għan li jintlaħqu r-rekwiżiti tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE u ma taffettwax kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet oħra li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħra ta’ dik id-Direttiva li jappartjenu għall-ipproċessar tad-dejta personali fi ħdan l-Istati Membri.

Artikolu 3

1.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tagħhom li jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati f’konformità ma’ dispożizzjonijiet oħrajn oltre l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-poteri eżistenti tagħhom li jissospendu l-flussi ta’ dejta lir-riċevent f’Andorra sabiex jiġu protetti l-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom fil-każijiet segwenti:

(a)

fejn awtorità kompetenti f’Andorra tkun ikkonkludiet illi r-riċevent ma jikkonformax mal-istandards tal-protezzjoni applikabbli; jew

(b)

fejn hemm probabbiltà sostanzjali li l-istandards ta’ protezzjoni qed jiġu miksura, hemm raġunijiet biżżejjed biex wieħed jemmen illi l-awtorità kompetenti ta’ Andorra mhux qed tieħu, jew mhux ser tieħu l-passi adegwati u fil-waqt sabiex isolvu l-każ fil-kwistjoni; it-trasferiment kontinwu għandu joħloq periklu imminenti ta’ ħsara kbira lis-suġġetti ta’ dejta u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għamlu sforzi raġonevoli fiċ-ċirkustanzi sabiex jinnotifikaw il-parti responsabbli għall-iproċessar f’Andorra u taw ċans biżżejjed għar-risposta.

2.   Is-sospensjoni għandha tieqaf hekk kif l-istandards ta’ protezzjoni jkunu assigurati u l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati tkun notifikata b’dan.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr l-ebda dewmien meta jiġu adottati miżuri bbażati fuq l-Artikolu 3.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-każijiet fejn l-azzjoni tal-korpi responsabbli milli jiżguraw il-konformità mal-istandards ta’ protezzjoni f’Andorra jonqsu milli jiżguraw tali konformità.

3.   Jekk l-informazzjoni miġbura taħt l-Artikolu 3 u taħt il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu tipprovdi xhieda lil xi awtorità responsabbli li tiżgura konformità mal-istandards tal-protezzjoni f’Andorra mhix qed tagħmel xogħolha effettivament, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ Andorra u, jekk hu neċessarju, tippreżenta abbozz ta’ miżuri konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikoli 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE, bil-għan li tiġi revokata, jew sospiża din id-Deċiżjoni, jew li tiġi limitata fil-portata tagħha.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-funzjonament ta’ din id-Deċiżjoni u tirrapporta kull konklużjoni relevanti lill-Kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE, inkluża kull evidenza li tista’ taffettwa l-konklużjoni fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, li l-protezzjoni f’Andorra hija adegwata skont it-tifsira tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE u kull evidenza li din id-Deċiżjoni qed tiġi implimentata b’mod diskriminatorju.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtiġin sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni sal-1 ta’ Jannar 2011.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Viċi President


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995. p. 31.

(2)  Opinjoni 7/2009 tal-1 December 2009, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/docs/wpdocs/2009/wp166_en.pdf

(3)  Opinjoni 7/2009 tal-1 ta’ Diċembru 2009, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/docs/wpdocs/2009/wp166_en.pdf